BIJOGRAFIJA
Keith Azzopardi Tanti huwa s-Segretarju Parlamentari taż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni sa minn Marzu 2022.
Twieled fis-17 ta’ Marzu 1984 minn John u Josette Tanti née Theuma, il-kbir fost żewġt aħwa, f’Tal-Pietà. Keith iżżewweġ lil Alexia, née Azzopardi u għandhom żewġt itfal, Alessandro u Gianluca. Hu attenda l-iskola primarja f’Santa Venera, u kompla l-edukazzjoni f’livell sekondarju fil-Kulleġġ Sant’Elija fl-istess lokalità. Iggradwa fl-Ekonomija u l-Maniġment mill-Universita’ ta’ Malta, u wara li rċieva l-kwalifika tal-ACCA, Keith beda jipprattika l-professjoni ta’ accountant ma’ wieħed mill-banek kummerċjali lokali, biex wara ngħaqad fit-taqsima tal-Istatistika Kummerċjali fi ħdan l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Huwa ħadem ukoll bħala Kontrollur Finanzjarju tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, fejn speċjalizza fis-settur tat-taxxa internazzjonali.
Il-karriera politika ta’ Keith fi ħdan il-Partit Laburista bdiet minn età bikrija ferm fejn serva bħala voluntier f’Assistenza Ċittadin, is-servizz tal-customer care tal-partit; kien membru fil-kumitat lokali f’Tal-Pietà; kif ukoll kien elett f’kariga uffiċjali fl-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Forum Żgħażagħ Laburisti. Fl-2013 aċċetta l-istedina tal-Partit Laburista sabiex jikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’Tal-Pietà fejn kien elett Sindku b’685 vot. Fl-elezzjoni tal-2019, Keith reġa’ kkonferma u saħħaħ il-kariga tiegħu b’aktar mid-doppju tal-voti mill-elezzjoni preċedenti, b’total ta’ 1,452 vot.
Keith Azzopardi Tanti aċċetta li jkun kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali tal-2022 fuq l-Ewwel Distrett wara talba tal-Prim Ministru l-ġdid Dr Robert Abela sabiex joffri l-esperjenza miksuba fuq livell lokali, għal livell nazzjonali. Minkejja li kienet l-ewwel darba li kkontesta f’elezzjoni ġenerali, Keith irnexxielu jilħaq il-kwota fl-ewwel għadd b’total ta’ 3,774 vot. Fil-fatt, huwa kien l-uniku kandidat fuq l-Ewwel Distrett li rnexxielu jikseb iktar voti mill-kwota meħtieġa. Hekk kif tħabbar il-Gvern il-ġdid, Keith Azzopardi Tanti inħatar mill-Prim Ministru elett Dr Robert Abela bħala Segretarju Parlamentari taż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, fejn ħa l-ġurament għal din il-kariga quddiem il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza tiegħu Dr George Vella.