L-IMMIGRAZZJONI ILLEGALI
November 15, 2020
RALLY U RIĊEVIMENT MA’ KEITH
February 24, 2022

GVERN B' QALB SOĊJALI

Kolonna fuq il-Kullħadd - Il-Ħadd 2 ta' Mejju


 

Li l-Maltin u l-Għawdxin taħt Gvern Laburista qed jgħixu aħjar huwa fatt u mhux sentiment biss. Fl-aħħar seba' snin il-livell tal-għajxien tan-nies tjieb b'mod sostanzjali. Il-progress ekonomiku u finanzjarju fl-aħħar snin kien bla preċċedent u kif pajjiżna qatt ma esperjenza qabel. Grazzi għall-miżuri li nroduċa l-Gvern, inħoloq iktar xogħol u impjiegi b'kundizzjonijiet aħjar fosthom li jħallas iktar. Il-qgħad niżel għall-anqas livelli li qatt ġew irreġistrati. B'hekk il-Maltin qed jgħixu ħajja iktar komda, b'iktar flus fil-but.

Minn rapporti li joħorġu u minn statistika ippublikata minn żmien għall-ieħor, joħroġ ċar ukoll li mill-2013 l'hawn saret ukoll qabża pożittiva 'l quddiem fil-qasam soċjali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra l-faqar jew l- esklużjoni soċjali.

Rapport ta' ftit taż-żmien ilu juri li grazzi għal 93 'policy action' u 469 miżura soċjali implimentati fl-aħħar sitt snin:

  • żdied id-dħul disponibbli tal-familji b'€5,000;
  • naqsu wkoll 5,000 persuni minn riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, għalkemm kien hemm żieda fil-popolazzjoni mill-2013 lil hawn;
  • żdiedu b'76,000 persuna dawk li mhumiex f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali;
  • dawk meqjusa bħala materjalment severament imċaħħda naqsu b’24,000;
  • tnaqqis ta' 6,000 tifel u tifla mir-riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali;

Minkejja l-avvanzi kbar li għamel pajjiżna, mhux għal kulħadd kollox ward u żahar. Fadal min qiegħed ibgħati. Jiġuni f'rasi dawk in-nies li jinsabu bla xogħol jew dawk b'imjieg mhux tant b'kundizzjonijiet tajbin fosthom li jħallas paga minima. Kategorija oħra ta' nies li għaddejjien minn ħafna tbatija huma dawk in-nies li l-maġġoranza tad-dħul tagħhom imur biex iħallsu l-kera ta' fejn joqgħodu. U dan anke wara li Gvern Laburista żied is-sussidju lil min jikri mingħand il-privat u introċa diversi skemi oħra bħal dik tal-Equity Sharing u u l-iskema li l-Gvern jgħin lil min m'għandux biex joħroġ l-10% depożitu fuq il-konvenju għax-xiri ta’ proprjetà.

Baqa' xi jsir biex jintlaħaq kulħadd. Fost l-oħrajn, dawn huma n-nies li mhumiex ilaħħqu mal-ħajja:

  • Numru ta' familji għandhom dħul ferm inqas minn dak meqjus bħala d-dħul medju disponibbli tal-familji f'Malta ta' madwar €28,500;
  • Jekk tinqalalhom spiża għal għarrieda, bħal ħsara f'xi appliance (cooker, fridge, washing machine, eċċ), ma jkunux jifilħu għaliha jew litteralment issallabhom;
  • Huwa diffiċli ħafna biex kontijiet bażiċi bħal dawk tad-dawk u l-ilma, telephone u internet kif ukoll ta' xi loans jiġu onorati fil-ħin;
  • Ma joħolmux li mqar għal ġimgħa waħda fis-sena, jmorru btala lil hinn mid-dar tagħhom;

Inkoraġġanti l-fatt li minkejja t-titjieb li sar f'dan il-qasam, l-attitudni tal-Gvern hija waħda ta' iktar ħidma biex inqas u inqas nies ikunu fil-kategorija tal-faqar.

Tkabbir ekonomiku sostenibbli huwa kruċjali. Dan iwassal għal iżjed ħolqien tal-impjiegi u kwalita' ta' ħajja aħjar. B'hekk biss nibnu ekonomija b'saħħitha li tkun kapaċi toħloq miżuri soċjali li jgħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn.

L-ebda pajjiż ma jikseb suċċess mingħajr investiment qawwi fl-edukazzjoni u fil-kapital uman. Huwa permezz ta' l-edukazzjoni li nistgħu intejbu l-qagħda ta' kull wieħed u waħda minnha u twassalna biex intejbu l-kwalita' ta' ħajjitna.

Inutli jkollna ekonomija b'saħħitha li kapaċi toħloq imjiegi ta' kwalita' jekk ma jkollniex ħaddiema bil-ħiliet u l-ispeċjalizazzjonijiet neċessarji bħax-xjenzi, il-matematika u l-ekonomija . X'jiswa' jkollna ekonomija li tirnexxiela tattira impjiegi f'setturi speċjalizzati tal-manifattura, l-industrija u s-servizzi jekk l-istudenti tagħna ma jkunux preparati għalihom?

i

"Inkoraġġanti l-fatt li minkejja t-titjieb li sar f'dan il-qasam, l-attitudni tal-Gvern hija waħda ta' iktar ħidma biex inqas u inqas nies ikunu fil-kategorija tal-faqar."